3,500 jiffirmaw il-petizzjoni biex ma jittiħdux passi kriminali kontra l-4 pulizija

Fuq medda ta’ jumejn aktar minn 3,500 persuna sa issa ffirmaw il-petizzjoni onlajn biex ma jitkomplewx il-proċeduri kriminali kontra erba’ pulizija mit-Taqsima tar-Rapid Intervention li allegatament  weġġgħu lit-tifel ta’ 12-il sena li nqabad kemm-il darba jsuq karozza.
Il-petizzjoni bdiet wara li l-Ispettur Sandro Camilleri, li hu wkoll il-President tal-Police Officers' Union, qal li “tifel ta’ 12-il sena li jsuq, hu emmnut aktar minn 4 pulizija”
F’April li ġej, l-4 uffiċjali tal-pulizija se jitressqu l-Qorti b’akkużi li għamlu ġrieħi ħfief fuq l-istess tifel u li bħala pulizija kellhom jaraw li dan ma jssirx. 
L-Ispettur Camilleri qal li “Spiċċajna agħar minn scouts, m’aħna emmnuti f’xejn. Jekk mhux emmnuti aħna b’xhieda ta’ 4 pulizija, wasalna fil-qiegħ.” 
Din il-ġimgħa, il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar sostna li ma jsib ebda oġġezzjoni li l-pulizija jitressqu l-Qorti  u li d-deċiżjoni ttieħdet fuq parir tal-Avukat Ġenerali.  
Kumment ta’ xi ħadd li ffirma l-petizzjoni jgħid: “Niftakar iż-żmien, mhux wisq ’il bogħod, meta lill-pulizija konna nindirizzawhom bħala ‘Sir’ u konna nħarsu b’rispett lejhom. Inħeġġeġ lil kull uffiċjal tal-Pulizija biex jilbes l-uniformi bi kburija.” 
Eks-Pulizija kiteb li “l-awtoritajiet messhom jistħu, speċjalment dawk li ħadu d-deċiżjoni” li l-erba’ pulizija għandhom jittellgħu l-Qorti. 
Kumment ieħor appella għal aktar rispett lejn il-pulizija u biex jitħallew jagħmlu xogħolhom.  “Wasalna f’sitwazzjoni fejn il-pulizija se jkollhom jaħsbuha darbtejn qabel ma jarrestaw lil xi ħadd għax se jkunu mbeżża’ li tista’ tittieħed azzjoni kontrihom.  Dan juri li l-pulizija m’għandhom ebda poter fuq il-kriminali.  Hekk qed inħallu lill-kriminali jirbħu.  Wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni u nipproteġu lill-pulizija,” jispiċċa jgħid dan il-kumment.