3,563 jiffirmaw il-petizzjoni kontra l-emendi fil-liġi tal-IVF

F’sebat ijiem mindu bdiet il-petizzjoni parlamentari kontra l-iffriżar tal-embrijuni nġabru 3,563 firma.
Il-petizzjoni kienet bdietha Emanuela Cachia, li qalet li  l-proposti għal-liġi dwar l-embrijuni jirrakkomandaw li ħames bajdiet tal-omm jiġu fertilizzati. Qalet li tnejn jiġu mpjantati fil-ġuf tal-omm filwaqt li t-tliet embrijuni l-oħra jiġu ffriżati.
Tlitt ijiem wara, waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament, il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, kien ħabbar l-emendi fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.
Il-Ministru qal li fl-ewwel ċiklu tal-IVF jistgħu jiġu ffertilizzati sa 3 bajdiet, li jekk jieħdu jkollok 3 embrijuni li 2 minnhom jiġu impjantati fil-mara u l-ieħor iffriżat.
Fost l-oħrajn l-emendi l-ġodda jitolbu li biex embrijun ikun iffriżat il-koppja trid taċċetta li jekk ma tużahx jingħata għall-addozzjoni.
Il-massimu ta’ embrijuni li jistgħu jiġu ffriżati huma 3, u jekk il-koppja ma taċċettax li jingħataw għall-addozzjoni, mela ma tkunx tista’ tiffriża aktar minn 2 embrijuni.
Sadanittant, il-Fondazzjoni Gift of Life, li qed tiġġieled biex tipproteġi lill-embrijun u hi kontra dawn l-emendi, qalet li l-Gvern qed jipprova jżarma l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.
Qalet li minkejja l-għażla tal-addozzjoni biex ma jkunux miġmugħa għexieren ta’ embrijuni ffriżati għal dejjem, l-esperjenza f’pajjiż oħra wriet li ma rnexxietx.
Il-fondazzjoni tibża’ li bit-teknoloġija li hawn, l-embrijun mhux se jkun garantit li jgħix fi stat iffriżat, jew meta jħalluh biex jinżel.
Wissew li minħabba l-ispiża biex jinżammu ffriżati dawn l-embrijuni, gvern futur jista’ jagħżel li jdaħħal miżuri oħra li jew jeqirdu dawn l-embrijuni, jew jingħataw għar-riċerka.
Dwar din tar-riċerka, fil-konferenza tal-aħbarijiet Fearne assigura li l-embrijuni taħt l-emendi proposti mhux se jingħataw għar-riċerka xjentifika.
L-istqarrija ttemm tinkuraġixxi biex kulħadd jiffirma l-petizzjoni.
Tista’ taċċessaha minn hawnhekk.