3,000 persuna joffru l-ħin tagħhom fil-bank tas-sigħat

Iktar minn 3,000 persuna taw il-ħin tagħhom fil-maratona li ttellgħet b'risq Noffri.com. 
Il-President ta’ Malta ltaqgħet mar-rappreżentati tal-NGOs li ħadu sehem fil-maratona mtella’ fil-programm Xarabank.
Il-President sostniet l-importanza tal-ġenerożità hekk kif tenniet li “rridu nkunu katalisti sabiex il-komunità tagħna tifhem aktar x’inhi l-ġenerożità: li ma tfissirx biss li tagħti l-flus.”
Il-President stqarret li meta wieħed jagħti ħinu, ikun qed jagħti xi ħaġa lura lill-komunità u b'dan il-mod il-komunitajiet ikunu iżjed armonjużi.
Elaine Agius, koordinatriċi ta’ Noffri.com stqarret li d-donazzjonijiet ġew analizzati u għamlu kuntatt ma’ dawk li għażlu settur minflok għaqda speċifika. Dan wara li nħolqot lista tal-għaqdiet lokali. 
L-għaqdiet li huma fi ħtieġa ta’ assistenza volontarja minn dan il-bank tas-sigħat, jistgħu jiksbu iżjed informazzjoni billi jċemplu fuq 21255255.
Noffri.com tnediet f’Ottubru li għadda.
Ritratt: OPR