29 missjunarju nqatlu madwar id-dinja fl-2019

Soru missjunarja li minkejja l-periklu għal ħajjitha ddedikat ruħha għall-Evanġeliżazzjoni

Skont l-aġenzija tal-Vatikan, FIDES, matul is-sena li għadha kif intemmet, 29 missjunarju nqatlu f’diversi partijiet tad-dinja.

Tmintax minn dawn kienu qassisin, djaknu permanenti, żewġ patrijiet, żewġ sorijiet u sitta kienu missjunarji lajċi.

Fl-Afrika nqatlu 12-il qassis, patri, soru, seminarista u lajk – 15 b’kollox; fl-Amerka nqatlu sitt saċerdoti, djaknu, patri u erba’ missjunarji lajċi – 12 b’kollox; fl-Ażja nqatel missjunarju lajk u soru nqatlet fl-Ewropa.

Wara tmien snin wara xulxin fejn l-akbar numru ta’ missjunarji nqatlu fl-Amerka, fl-2018 u s-sena li għaddiet, l-Afrika ħadet l-ewwel post ta’ din il-klassifika traġika.

Fenomenu mifrux

L-aġenzija FIDES tinnota li jidher li “il-vjolenza fuq il-missjunarji qed tkun globalizzata”. Jekk fl-imgħoddi l-missjunarji maqtula kienu konċentrati f’żona ġeografika waħda, is-sena li għaddiet dan il-fenomenu nxtered f’diversi kontinenti. Fil-fatt il-qtil ta’ dawn il-missjunarji martri seħħ f’għaxar pajjiżi Afrikani, tmien pajjiżi fl-Amerka t’Isfel, wieħed fl-Ażja u qtil ieħor fl-Ewropa.

Ta’ min ifakkar fi kliem il-Papa Franġisku f’Ottubru li għadda fl-okkażjoni tax-Xahar Straordinarju tal-Missjoni. Dakinhar il-Papa wera x-xewqa li “iċ-ċelebrazzjoni tal-100 sena mill-Ittra Appostolika tal-Papa Benedittu XV “Maximum Illud” ikun mument fejn it-talb, ix-xhieda ta’ tant qaddisin u martri tal-missjoni, ir-riflessjoni biblika u teoloġika, il-katekeżi u l-karità missjunarja, jikkontribwixxu għall-Evanġelizzazzjoni, l-ewwel u qabelkollox tal-Knisja, biex wara li niskopru mill-ġdid l-imħabba għal Kristu msallab u Rxoxt, tkun tista’ tevanġelizza d-dinja b’mod kredibbli u b’effikaċja Evanġelika”.

Kien f’dan is-sens li l-Papa Franġisku indirizza l-Assemblea Ġenerali tal-Ħidma Missjunarja Pontifiċja, fejn irrefera għax-xhieda ta’ tant missjunarji li taw ħajjithom għal Alla biex tkun waħda mill-erba’ dimensjonijiet fiċ-ċelebrazzjoni tax-Xahar Straordinarju tal-Missjoni f’Ottubru li għadda.