Il-Ministru Owen Bonnici qal li fl-iskejjel tal-istat hemm 29 klassi temporanja disponibbli, jew klassijiet f’kontejners, u sas-sena skolastika li jmiss għandu jkun hemm 16 oħra.
Hu u jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, il-Ministru għall-Edukazzjoni elenka f’liema skejjel jinsabu dawn il-klassijiet.
Dawn qegħdin:
- Fil-Kulleġġ San Tumas Moore, Skola Sekondarja, Żejtun;
- Fil-Kulleġġ Santa Tereża, Skola Sekondarja, Imrieħel;
- Fil-Kulleġġ San Nikola, Skola Primarja, Ħ’Attard;
- Fil-Kulleġġ Maria Reġina, Skola Primarja, San Pawl il-Baħar.
Bonnici ssokta jgħid li għas-sena skolastika l-ġdida hu ppjanat li jintużaw 16-il klassi f’kontejner oħra. Minn dawn, tmienja se jkunu fil-Kulleġġ San Nikola, Skola Primarja A fir-Rabat, Malta, filwaqt li t-tmienja l-oħra se jkunu fil-Kulleġġ San Tumas More, Skola Sekondarja fiż-Żejtun.
L-istima tal-ispiża biex jiġu installati u attrezzati dawn il-klassijiet temporanji l-ġodda hi ta’ madwar €466,000.
Il-klassijiet tempranji fil-Kulleġġ Maria Reġina, Skola Primarja f’San Pawl il-Baħar, mhumiex se jintużaw bħala klassijiet peress li sas-sena skolastika l-ġdida għandha tkun lesta l-Iskola Primarja l-ġdida fil-Qawra.