29 ilment sottomess lill-Kummissarju għall-Istandards

Miguela Xuereb

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika rċieva total ta’ 29 ilment matul l-ewwel sena tiegħu fil-kariga abbażi tal-Att dwar l-Istandards tal-Ħajja Pubblika tal-2017.

Illum, il-Kummissarju George Hyzler li kien approvat permezz ta’ reżoluzzjoni mill-Parlament fit-30 ta’ Ottubru tal-2018, ħareġ l-ewwel rapport annwali tiegħu. Hu ppreżenta r-rapport lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, li min-naħa tiegħu qiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra lbieraħ.

Filwaqt li sal-aħħar ta’ Diċembru tal-2019, il-Kummissarju rċieva 29 ilment, kien spjegat li wħud minnhom ma ġewx investigati. Il-Kummissarju spjega li sebgħa mir-rapporti ma setgħux ikunu investigati minħabba diversi raġunijiet, fosthom għax il-Kummissarju ma jistax jikkunsidra ilmenti anonimi. Il-Kummissarju jilqa’ u jinvestiga ilmenti dwar membri tal-Parlament u persuni ta’ fiduċja.

Matul din l-ewwel sena tiegħu, il-Kummissarju kkonkluda 11-il investigazzjoni sal-aħħar tal-2019. Hu sab li tliet ilmenti kienu ġustifikati, filwaqt li sitta ma kinux. Minkejja dan, wieħed minn dawn is-sitt każi xorta wassal għal bidla fi prattika dubjuża li kienet adottata minn ministru partikolari, minkejja li l-ilment ma ntlaqax.

Kien spjegat li f’każ ieħor l-investigazzjoni tal-Kummissarju kienet inkonklussiva, filwaqt li fl-aħħar każ mill-11 li kienu konklużi, il-Kummissarju iffoka l-investigazzjoni tiegħu dwar prattika ġenerali mhux dwar imġiba ħażina min-naħa ta’ individwu partikolari. Dan il-każ kien jittratta dwar deputati parlamentari li jingħataw karigi mal-gvern. Ir-rapport imħejji mill-Kummissarju jagħti dettalji dwar diversi każi, fosthom dan.

Intant, ir-rapport annwali jagħti rendikont ta’ xogħol ieħor li wettaq il-Kummissarju għall-Istandards sal-aħħar tal-2019. Fost affarijiet oħra, il-Kummissarju beda reviżjoni tal-kodiċi ta’ etika li japplikaw għall-ministri u d-deputati parlamentari. Ħareġ nota ta’ informazzjoni li tispjega min huma l-persuni ta’ fiduċja skont it-tifsira fl-Att, kif ukoll rapport bi proposti dettaljati dwar riforma kostituzzjonali. Dawn id-dokumenti jinsabu fil-website uffiċjali tal-Kummissarju.