29 borża tad-demm mill-impjegati tal-BOV

Blood-Donation-7-Media-image

Read in English.

29 impjegat tal-BOV taw id-demm waqt il-BOV Blood Donation Drive organizzata mill-Bank of Valletta b’kollaborazzjoni mas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm.

Kull sena, ħafna pazjenti huma grati għall-att ġeneruż ta’ dawk li jagħtu d-demm. Demm mogħti huwa integrali għas-sostenn tat-trattament ta’ tfal żgħar, nisa li jkollhom bżonn id-demm wara li jwelldu u pazjenti li jgħaddu minn operazzjonijiet kbar. Id-demm jitma’ lill-ġisem u l-organi b’ossiġenu u nutrijenti li huma essenzjali għas-saħħa. Borża ta’ demm hija pproċessata fi tliet prodotti: red cell concentrate; plażma u platelets, u għalhekk persuna waħda tista’ tgħin biex issalva tliet ħajjiet.

Is-Sur Tony Micallef, Practice Nurse – Donor Liaison fi ħdan it-Taqsima tat-Trasfużjoni tad-Demm, irringrazzja lill-maniġment tal-BOV u lil dawn id-disgħa u għoxrin impjegat għar-rispons ġeneruż tagħhom biex jagħtu d-demm fuq bażi regolari. “Filwaqt li l-COVID-19 ikompli jisfida lis-soċjetà b’diversi modi, u għalkemm fl-isptar uħud mill-operazzjonijiet mhux urġenti qed jiġu kkanċellati minħabba l-pandemija, id-domanda għad-demm għadha relattivament għolja. Dan minħabba l-fatt li numru kbir ta’ pazjenti li jbatu minn mard kroniku speċjalment bil-kanċer, għandhom bżonn kontinwu ta’ trasfużjonijiet tad-demm,” qal is-Sur Micallef. Huwa kompla “bil-Milied wara l-kantuniera, hu xieraq ħafna li l-persuni f’saħħithom kollha jikkunsidraw li jagħtu d-demm bħala r-rigal eċċellenti tal-Milied fis-sena tal-pandemija.”

Jes Sciberras, l-organizzatur tal-BOV Blood Donation Drive spjega kif l-għoti tad-demm m’għandux jintesa matul dawn iż-żminijiet tal-COVID. “Kull sena, il-Bank jorganizza tliet BOV Blood Drives biex jgħin fil-ġbir tad-demm u jinkoraġġixxi kemm lill-istaff kif ukoll lill-pubbliku ġenerali biex jgħinu jsalvaw kemm jista’ jkun ħajjiet,” qal is-Sur Sciberras. “Uħud mid-donaturi sostnew li din l-inizjattiva saret ġest regolari fil-familja kollha tagħhom, u dan jispirana biex inkomplu bl-isforzi tagħna lejn l-għoti tad-demm. Nirringrazzja minn qalbi lit-Taqsima tat-Trasfużjoni tad-Demm għall-assistenza u l-professjonalità tagħhom u lill-kollegi tiegħi tal-BOV għall-ġenerożità tagħhom kull darba li nagħmlu sejħa għad-demm.”

Qatt m’hu tard wisq biex issir donatur tad-demm. Sempliċiment żur iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm fil-Pietà bejn it-8 am u s-6 pm. Għal aktar informazzjoni idħol fuq www.facebook.com/bloodmalta jew ċempel fuq 8007 4313 jew 7930 7307. Tista’ wkoll issegwi l-eżempju tal-Bank of Valletta u torganizza Blood Donation Drive fil-post tax-xogħol tiegħek.

Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, il-Belt Valletta VLT 1130. Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA, liċenzjata biex twettaq in-negozju tas-servizzi bankarji u ta’ investiment skont l-Atti tas-Servizzi Bankarji u ta’ Investiment (Kap.370, 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).