284 immigrant se jiġu trasferiti minn Malta lejn pajjiżi tal-UE

€1.7 miljun għaż-żamma tal-immigranti fuq 4 bastimenti

Read in English.

Il-Gvern ħabbar li 284 immigrant li jinsabu f’Malta se jiġu trasferiti lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Fi stqarrija, il-Gvern qal li dan kien proċess ta’ rilokazzjoni kkordinat mill-Kummissjoni Ewropea.

L-ewwel grupp ta’ 204 immigrant se jiġu rrilokati lejn il-pajjiżi l-oħra filwaqt li dwar it-tmenin immigrant ieħor, il-Gvern qal li hemm impenn politiku bejn Malta u l-membri stati kkonċernati li se jkun segwit mill-Kummissjoni Ewropea. 

Intqal li n-negozjati għar-rilokazzjoni bdew meta l-portijiet Maltin kienu magħluqa matul il-perjodu ta’ emerġenza għas-saħħa pubblika. Minħabba f’hekk kien hemm għadd ta’ immigranti li nżammu fuq bastimenti għal 40 jum. 

Il-Gvern iġġustifika dan billi qal li Malta kienet fl-eqqel tal-pandemija tal-COVID-19 meta ma setax joffri post sigur għal persuni li jaslu Malta irregolarment bil-baħar. Il-Gvern spjega li dan sar ukoll fid-dawl tal-pressjoni fuq iċ-ċentri tal-immigranti, fosthom fl-ikbar ċentru li kien magħluq bi kwarantina.

€1.7 miljun għaż-żamma tal-immigranti fuq 4 bastimenti

Il-Gvern ħabbar ukoll li ntefqu €1.7 miljun għaż-żamma tal-immigranti fuq 4 bastimenti. Il-Gvern qal li għalkemm dawn intefqu minn fondi nazzjonali, għad hekk taħdidiet għaddejjin bil-għan li dawn jitħallsu minn fondi Ewropej.

Il-Gvern ippubblika wkoll lista mqassma skont il-kategoriji tal-ispejjeż kif ġej:

  • €363,440 – Kirja tal-bastimenti ( €3,000 kuljum għal bastimenti tal-Captain Morgan u €6,500 għal bastiment tas-Supreme Travel vessel).
  • €212,646.12 – Il-provvisti u servizzi. Tqabbdu 33 kumpanija u negozji differenti li jipprovdu ikel u xorb, prodotti sanitarji u ħwejjeġ, fost oħrajn. 
  • €87,741 – Kirjiet ta’ dgħajjes biex jitwasslu l-provvisti
  • €10,908.12 – Proċeduri ta’ diżambarkazzjoni. 
  • €1 miljun għas-sigurtà

Il-Gvern jispjega l-miljun Ewro li ntefqu għas-sigurtà

Minħabba n-natura tal-operazzjoni, il-preżenza tas-sigurtà 24 siegħa kuljum kienet essenzjali. Kien hemm medja ta’ 12-il uffiċjal ta’ sigurtà f’kull ħin tal-ġurnata għal sebat ijiem fil-ġimgħa. Aktar minn 33,000 siegħa ta’ sigurtà rriżultaw f’nefqa ta’ miljun ewro. Il-kumpanija ta’ sigurtà ntgħażlet għaliex fil-mument li bdiet l-operazzjoni kienet toffri servizzi fil-Marsa Initial Reception Centre, għalhekk setgħu jipprovdu servizz fl-inqas ħin possibbli. 

Proċess tal-ażil aċċelerat

Minbarra l-ħidma biex l-immigranti jiġi rilokati, bdiet ukoll ħidma biex immigranti minn pajjiżi meqjusa bħala siguri jkollhom il-proċess tal-ażil tagħhom aċċelerat. Dan il-proċess qed isir skont proċeduri maħsuba biex każi bħal dawn ikunu proċessati b’aktar ħeffa u allura l-awtoritajiet Maltin ikunu f’pożizzjoni aħjar sabiex jibgħatu lil dawn il-persuni lura lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom. 

Il-gvern qal li se jibqa’ kommess li r-rilokazzjoni tkun prinċipju ewlieni tal-politika Ewropea, l-aktar f’dan il-mument importanti fejn qed jiġi diskuss il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil. Fl-istess waqt, il-Gvern qal li Malta se tkompli taħdem mal-Libja sabiex tiġi indirizzata din l-isfida kmieni kemm jista’ jkun, jiġi evitat it-telf ta’ ħajjiet fil-Mediterran u jiġu miġġielda t-traffikanti tan-nies.