280,000 student Ingliż irrabjati li tnaqqsitilhom il-marka tal-A-level

Kważi 40% tar-riżultati tal-A-levels ġew imnaqqsa mill-inqas grad wieħed fl-Ingilterra wara li l-eżamijiet ġew kanċellati minħabba l-COVID-19.

Fl-Ingilterra 35.6% tal-mark ġew mibdula u mnaqqsa bi grad wieħed, filwaqt li 3.3% tnaqqsu b’żewġ gradi filwaqt li 0.2% tnaqqsu bi tlett gradi.

Hekk kif l-iskejjel fl-Ingilterra ilhom magħluqa minn Marzu, l-istudenti ngħataw marka mill-għalliema tagħhom abbażi tax-xogħol tagħhom matul is-sena akkademika sa Marziu li għaddiet.

Madanakollu r-regolatur tal-eżamijiet Ofqual qal li kellhom jiġu emendati u mnaqqsa l-marki ta’ madwar 280,000 student.

Eluf ta’ studenti esprimew id-diżappunt tagħhom għal fatt li tnaqqsitilhom il-marka, madanakollu Ofqual qalet li l-marki ġew emendati u assessjati kif isir kull sena.