Il-Compliance Unit fi ħdan il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà rat li 28% tal-applikazzjonijiet għall-ippjanar fl-2019 jiġu rifjutati, peress li dawn kienu se jtellfu mill-aċċessibbiltà għan-nies b’diżabbiltà.
Dan ħareġ mir-rapport annwali għas-sena 2019 tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, li lbieraħ ġie preżentat mill-Kummissarju Oliver Scicluna lis-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabbiltà Silvio Parnis.
Ir-rapport jipprovdi stampa komprensiva tax-xogħol imwettaq mill-Kummissjoni matul is-sena 2019. Dan ix-xogħol ivarja minn statistika u studji dwar każijiet ta’ investigazzjonijiet fuq ilmenti relatati mad-diżabbiltà mressqin lit-Taqsima tal-Investigazzjonijiet tal-Kummissjoni, għal ħidma dwar l-ippjanar u l-permessi maħruġa mill-Compliance Team.
Din it-taqsima toffri servizz ta’ konsultazzjoni fl-uffiċċji tal-Awtorità tal-Ippjanar nhar ta’ Erbgħa, fejn espert tekniku tas-CRPD jipprovdi pariri tekniċi dwar l-aċċessibbiltà fiżika lil dawk li jinsabu fil-proċess li jressqu applikazzjonijiet għall-iżvilupp.
Fl-2019, il-Unit irreveda 2,548 applikazzjoni. Minn dawn 1,839 (72%) ġew approvati filwaqt li 709 (28%) ma ġewx approvati.
L-uffiċjali tal-Unit wettqu wkoll 156 spezzjoni fuq il-post qabel ma rrakkomandaw il-ħruġ ta’ Compliance Certificates, li mingħajru wieħed ma jistax japplika għall-elettriku u l-ilma. Minn dawn, 125 instabu li kienu konformi filwaqt li 31 ma kinux konformi.
Xi spikka l-aktar?
- Fl-aħħar ta’ Diċembru 2019 kien hemm 18,848 persuna b’diżabilità rreġistrati mal-Kummissjoni
- Żieda fl-investigazzjoni ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni allegata fuq il-bażi ta’ diżabbiltà, b’mod speċjali fir-rigward tal-użu jew l-użu ħażin tal-blue badges u l-edukazzjoni; 629 talba għal investigazzjoni f’sena
- Twaqqfet taqsima ta’ infurzar li fl-2020 għandha tkompli tissaħħaħ
- Fl-2019 it-Test of Reasonableness Board (TORB) sema’ 90 każ
- Ħarġu 4,369 EU Disability Cards u 2,615-il blue badge
It-tim tal-compliance unit mhux biss jaħdem biex jivvettja l-aspett ta’ aċċessibbiltà tal-applikazzjonijiet iżda ppubblika wkoll żewġ rapporti li jenfasizzaw in-nuqqas ġenerali ta’ aċċess fiżiku fiż-żoni kummerċjali.