28 persuna akkużati dwar materjal tal-logħob tan nar

28 persuna tressqu l-Qorti bejn l-2008 u l-2016 akkużati b’ħażna llegali ta’ splussiv u materjal ieħor  li jintuża fil-logħob tan-nar.
Dan qalu l-Ministru għall-Intern Carmelo Abela waqt li kien qiegħed iwieġeb għad-domandi parlamentari tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.
Il-Ministru Abela qal li fl-istess perjodu l-Pulizija rċeviet 14-il rapport dwar ħażna llegali ta’ splussiv u materjal ieħor li jintuża fil-logħob tan-nar.
L-2008 u l-2015 kienu l-aktar snin li daħlu rapporti, b’total ta’ tlieta f’kull sena. Filwaqt li fl-2011 ma daħal l-ebda rapport.
Mill-14-il rapport tlieta biss kienu f’Għawdex u dawn daħlu fl-2015.
L-għassa ta’ Ħal Qormi kienet l-aktar waħda li rċeviet rapporti b’total ta’ disgħa.
Fl-istess perjodu l-Pulizija għamlet 20 tfittxija  bi tmienja minnhom instab xi materjal.
L-2008 kienet l-aktar sena li saru tfittxijiet b’total ta’ sitta li tlieta minnhom irriżultaw fil-pożittiv.