28 mara ssir omm fl-2013 permezz tal-IVF

28 mara nqabdet tqila matul is-sena li għaddiet wara proċedura IVF, minn 100 mara li għamlu l-proċedura f’xi wieħed mill-isptarijiet Maltin. 25 minnhom irriżultaw fi tqala b’tarbija waħda, tlieta b’tewmin. 15-il koppja barranija żaru Malta apposta għal trattament fi sptar privat.
Dan joħroġ mir-rapport tal-Awtorita’ għall-Protezzjoni tal-Embrijun imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Claudio Grech.
L-2013 kienet l-ewwel sena li dan is-settur fil-pajjiż ġie regolat wara l-liġi li għaddiet mill-Parlament fl-2012. Iktar kmieni din is-sena, is-servizz tal-IVF beda jingħata mill-Isptar Mater Dei – s’issa 70 koppja gawdew minn dan is-servizz li rriżultaw fi 17-il tqala b’tarbija waħda. 37 koppja barranija ġew Malta apposta għat-trattament fis-sessjoni tal-IVF f’Marzu.