28 immigrant salvati ‘l barra minn Sqallija pożittivi għall-coronavirus

Nick Jaussi / Sea-Watch

Read in English.

28 immigrant salvati mill-NGO Sea-Watch irriżultaw pożittivi għall-coronavirus. Huma jinsabu fuq il-bastiment ta’ kwarantina Mobu Zazà ‘l barra mill-port Sqalli ta’ Porto Empedocle.

Skont ANSA, huma jagħmlu parti minn grupp ta’ 211-il immigrant li kienu salvati mill-NGO Ġermaniża matul il-ġimgħa li għaddiet, f’ibħra internazzjonali.

It-Tlieta saru swab tests fuq 209 persuna li kienu fuq il-bastiment. Aktar tard ħareġ li wieħed mill-immigranti abbord il-bastiment kien ittieħed fi sptar f’Caltanissetta. L-immigrant għall-bidu kien issuspettat li kellu t-tuberkolożi, iżda swab test aktar tard sab li kien pożittiv għall-coronavirus.

Il-gvernatur ta’ Sqallija, Nello Musumexi, rrisponda għat-testijiet pożittivi permezz ta’ post fuq Facebook fejn spjega li 28 immigrant li ttestjaw pożittivi jinsabu fuq bastiment ankrat f’Porto Empedocle. Qal li din il-kwarantina hija soluzzjoni li ntalbet mill-gvern ċentrali fit-12 ta’ April biex ma jkunx hemm firxa fil-gżira li tkun tant kbira li l-awtoritajiet tas-saħħa ma jirnexxilhomx jikkontrollaw.