28 sena mill-mewt ta’ Freddie Mercury

Nhar il-Ħadd 24 ta’ Novembru 1991 miet Freddie Mercury, il-lead singer, pjanista u l-kompożitur ewlieni tal-grupp Queen. Kellu 45 sena. Il-kantant, li ismu proprja kien Farrokh Bulsara, twieled fl-1946, miet ġurnata biss wara li kien żvela pubblikament li kien marid bl-AIDS. Hu magħruf li l-kantant kien jaf li kien HIV positive sa minn sentejn qabel.

Kien imwieled f’Zanzibar imma għex l-ewwel snin ta’ ħajtu fl-Indja qabel ma l-familja tiegħu marret tgħix fl-Ingilterra fl-1964. Queen ħarġu l-ewwel album tagħhom fl-1973 u saru wieħed mill-aqwa gruppi fid-dinja. Il-wirja tal-grupp waqt il-kunċert Live Aid f’Wembley Stadium fl-1985 hi meqjusa bħala l-aqwa waħda li qatt ta grupp fl-istorja tal-mużika pop.

Freddie Mercury fl-1974. Ritratt: Michael Putland

Freddie Mercury deher l-aħħar darba ma’ sħabu tal-Queen waqt il-premju li ngħataw fl-1990 għall-kontribut qawwi tagħhom lill-mużika Ingliża.

Freddie Mercury kkompona 10 mis-17-il kompożizzjoni li huma meqjusa bħala l-aqwa tagħhom, inkluża Bohemnian Rhapsody, sitt minuta mużikali li ġiet ivvutata kemm-il darba bħala l-aqwa single li qatt ġiet rekordjata. Ftit jafu li l-pjanu li jdoqq Mercury f’din id-diska hu l-istess pjanu li kien daqq fuqu Paul McCartney meta l-Beatles irrekordjaw Hey Jude.

Għalkemm kien jaf bil-kundizzjoni ta’ saħħtu u għarraf biha lil sħabu tal-grupp, ma riedx li l-aħbar toħroġ qabel l-aħħar mument possibbli biex jipproteġi lil dawk l-aktar qrib tiegħu.

Ħames xhur wara mewtu kien sar kunċert f’ġieħu f’Wembley Stadium biex titqajjem kuxjenza dwar il-marda tal-AIDS li għalih attendew 72,000 ruħ.