28 cruiseliner mistennija f’Għawdex din is-sena

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li 28 cruiseliner huma ppjanati li jmorru Għawdex matul din is-sena u għalhekk hemm bżonn ippjanar tal-proġett tal-baga tax-Xlendi biex ikun hemm l-irmiġġ mixtieq mill-industrija tal-cruiseliners.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li fl-abbozz tal-politika nazzjonali għat-turiżmu 2015-2020, Għawdex qed ikun proġettat bħala destinazzjoni li kapaċi timxi waħidha u mhux dejjem fid-dell ta’ Malta.
Waqt laqgħat ta’ konsultazzjoni f’Għawdex il-Ministru għat-Turiżmu u l-Ministru għall-Għawdex qalu li hemm skop ta’ twessigħ fl-activity holidays fejn Għawdex igawdi minn ġmiel ta’ kosta u kampanja.
Iż-żewġ Ministri qalu li ‘By the Sea’ kienet l-akbar produzzjoni ċinematografika li qatt saret fil-gżira tat-Tliet Għoljiet u li impjegat ħafna nies u ġġenerat miljuni t’ewro fl-ekonomija Għawdxija.
Jirriżulta li l-istatistika turi li 3.5% tat-turisti li jżuru l-gżejjer Maltin jagħmlu dan wara li jaraw xi xena li dehret fuq film u ntqal li Għawdex qed ikun riklamat madwar id-dinja bħala film location.
Intqal li hemm bżonn li jitkompla l-master plan taċ-Ċittadella, xogħol fil-promenade tal-Qbajjar li tħalla fi stat ta’ abbandun u anke li titgħarraq barra mill-kosta, dik li kienet il-patrol boat PS 33 biex ikun offrut ambjent ieħor taħt il-baħar bħala attrazzjoni għall-għaddasa.