275 student fi skejjel mhux tal-istat għadhom bla trasport

Mal-275 student li jattendu skejjel mhux tal-istat għadhom mingħajr is-servizz tat-trasport b’xejn.

Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo waqt it-tnedija tal-iskema BUS20+. Bartolo sostna li l-Ministeru se jkompli b’ħidmietu biex jinstab trasport għall-istudenti li għadhom fuq il-lista ta’ stennija.

AQRA: Estiża l-kampanja tat-trasport pubbliku b’xejn

Fil-bidu tas-sena skolastika 829 student tal-iskejjel mhux tal-Gvern kienu għadhom bla trasport b’xejn.

AQRA: Bla trasport 829 student ta’ skejjel mhux tal-Gvern

Dan numru naqas ftit sal-aħħar ta’ Ottubru meta kien hemm 810 student li kienu għadhom bla trasport wara mistoqsija parlamentari mid-deputat tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina.

AQRA: 810 studenti għadhom bla trasport

Kemm l-istudenti tal-iskejjel tal-istat kif ukoll dawk li jattendu skejjel tal-Knisja u independenti qed igawdu mit-trasport b’xejn.

Bartolo fl-intervent tiegħu spjega kif il-loġistika tat-trasport tal-iskejjel mhux tal-istat qatt ma kienet fir-responsabilità tal-Ministeru li jmexxi hu, filwaqt li kompla jgħid li l-Ministeru se jibqa’ impennjat biex jinstab trasport għal dawk li għad ma għandhomx.

14,500 student li jattendu l-iskejjel tal-istat u 13,500 student mill-iskejjel mhux tal-istat qed jużaw is-servizz tat-trasport, li b’kollox jammontaw għal 28,000 student.

Bartolo spjega wkoll li 186 operatur huma rreġistrati fl-iskema tat-trasport b’xejn filwaqt li qegħdin jintużaw 1,183 vettura fl-istess ħin biex jiġi provdut dan is-servizz.