275 priġunier se jtemmu s-sentenza tagħhom din is-sena – Camilleri

Read in English.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li 275 priġunier se jkunu qed itemmu s-sentenza ta’ priġunerija tagħhom din is-sena. Camilleri kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ivan Bartolo.

Bartolo staqsa dwar kemm hemm residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li waslu fl-aħħar tas-sentenza tagħhom, xi programmi ta’ riabilitazzjoni hemm fis-seħħ u kif se jiġi assigurat li dawn jiġu integrati fis-soċjetà.

Camilleri wieġeb li bħalissa hemm total ta’ 786 priġunier f’Kordin. Qal li 231 jinsabu hemm taħt arrest preventiv filwaqt li 555 qed jiskontaw sentenza. Camilleri spjega li min-naħa tal-awtoritajiet tal-ħabs qed isir dak kollu possibbli biex il-priġunieri jiġu rijintegrati fis-soċjetà malli joħorġu mill-ħabs. Dan qed isir permezz ta’ diversi programmi ta’ riabilitazzjoni, inkluż dawk li jinħadmu ma’ fondazzjonijiet jew għaqdiet mhux governattivi, kif ukoll dak li jsir fil-ħabs stess.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, ppropona li dawk il-priġunieri li jkunu waslu biex joħorġu mill-ħabs mat-tmiem tas-sentenza tagħhom għandom jinżammu taħt house arrest. Skont il-figura li ta l-Ministru Camilleri, jekk proposta bħal din tiġi aċċettata jista’ jkun hemm mal-275 priġunier li jinħareġ mill-ħabs qabel it-tmiem tas-sentenza tiegħu.

Il-MP tal-PN Beppe Fenech Adami għadda din il-proposta waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar l-imxija tal-coronavirus.

Il-MP qal li hemm ħafna qraba ta’ priġunieri li huma nkwetati dwar is-saħħa tagħhom. Qal li hemm 458 ċella f’Kordin u li 200 minnhom qed jinqasmu bejn għadd ta’ persuni. Qal li l-akbar ċelel huma 3 metri bi 3 metri. Spjega li dan ifisser li l-priġunieri ma jistgħux jipprattikaw is-social distancing. L-awtoritajiet tas-saħħa qed jisħqu fuq l-importanza li n-nies iżommu metru ‘l bogħod minn xulxin.