2,700 talba mill-barranin biex jaħdmu f’Malta

Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena l-Jobsplus irċeviet 2,734 talba biex jaħdmu Malta minn ċittadini ta’ nazzjonalità barranija. Il-maġġoranza ta’ dawn l-applikazzjonijiet ġejjin mill-persuni li qed ifittxu ażil f’Malta, benefiċjarji ta’ protezzjoni nazzjonali u internazzjonali, residenti fit-tul u ċittadini oħra minn pajjiżi terzi li ma jistgħux japplikaw għal single residence/ work permit.

Minn dawn l-applikazzjonijiet, sal-aħħar t’April, il-Jobsplus ipproċessat 2,668 applikazzjoni, li minnhom 2,610 ngħataw il-permess sabiex ikunu jistgħu jaħdmu filwaqt li 58 applikazzjoni ġew irrifjutati.  Dan ifisser li 66 applikazzjoni kienu għadhom pendenti.

Sal-aħħar ta’ April il-Jobsplus irċeviet 9,869 talba għal permess ta’ single residence/ work permit. Minn dawn l-applikazzjonijet il-Jobsplus irrakomandat 9,035 filwaqt li oġġezzjonat għal 834 applikazzjoni.

Dawn iċ-ċifri ħarġu mill-mistoqsijiet parlamentari li d-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici għamel lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo.

Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo staqsa dwar x’azzjonijiet jittieħdu meta persuna tinqabad taħdem mingħajr permess. Il-Ministru Evarist Bartolo wieġeb lil-Jobsplus ma tieħu l-ebda azzjoni dwar dan iżda tinforma lill-pulizija tal-Immigrazzjoni bis-sejba tagħhom. Madankollu l-Jobsplus tibgħat ittra lil min qed iħaddem bla permess sabiex japplikaw għall-permess tax-xogħol jew residenza fi żmien 10 ijiem. Jekk ma jsirx dan l-azzjonijiet neċessarji.

311-il persuna inqabdu jaħdmu mingħajr permess fl-ewwel terz tas-sena

Il-Ministru Evarist Bartolo fi tweġiba għall mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici, dwar kemm il-persuna nqabdet taħdem mingħajr permess qal li sal-aħħar t’April inqabdu 311-il persuna minn barra l-Unjoni Ewropea.