27 persuna mejta fi Sri Lanka

Fi Sri Lanka madwar 27 persuna mietu fi ġlied bejn priġunieri u gwardji fil-ħabs Welikada fil-kapitali Kolombo. Il-vjolenza seħħet wara li waslu commandos tal-pulizija biex jipprovdu sigurta fil-ħabs filwaqt li uffiċjali tal-ħabs kienu qed ifittxu għal oġġetti illegali.

Qed jingħad li wħud mill-priġunieri ħatfu numru ta’ armi u kien hemm imbagħad xi sparar. Xhieda qalu li l-gwardji fetħu n-nar fuq dawk li ppruvaw jaħarbu. Dawk mejta huma kollha priġunieri u kien hemm diversi persuni oħra li ndarbu. L-awtoritajiet tal-ħabs qalu li s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll, iżda kelliem għal gvern qal li qed issir tfittxija għal dawk li ħarbu. Huma mifhum li fil-ħabs hemm mal-erbat elef priġunier.