
Read in English.
27 minuri tħallew jiżbarkaw minn fuq il-bastiment Open Arms, dan hekk kif aktar minn 100 persuna ilhom għal ġimgħatejn bejn sema u ilma mingħajr port ta’ sigurtà.
L-immigranti kienu ġew salvati mill-għaqda Open Arms ‘l barra mil-Libja u l-maġġoranza tagħhom ġejjin mill-Afrika. Il-bastiment bħalissa jinsab fl-ibħra territorjali Taljani, viċin Lampedusa. Minkejja dan, il-Ministru għall-Intern Matteo Salvini ordna sabiex l-uffiċjali ma jħalluhomx jiżbarkaw fil-pajjiż.
Aqra: L-Open Arms jasal fl-ibħra territorjali Taljani; Tintalab evakwazzjoni medika
Minkejja dan, huwa ta l-permess li jħalli lit-tfal jiżbarkaw u qal li għamel dan biss minħabba l-insistenza tal-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte.
L-NGO li hija bbażata f’Barcelona qalet li issa fadal 107 immigranti abbord il-bastiment. Open Arms ilu 16-il jum jistenna sabiex jingħata port ta’ sigurtà. Minn fuq il-bastiment diġa saru sitt evakwazzjonijiet mediċi.
Aqra: Qorti Taljana tissospendi d-digriet ta’ Salvini; Open Arms jitħalla jidħol fl-ibħra
Intant, fl-aħħar jiem Franza, il-Ġermanja, ir-Rumanija, il-Portugall, Spanja u l-Lussemburgu qalu li se jgħinu fir-rilokazzjoni tal-immigranti malli dawn jingħataw port ta’ sigurtà. Minkejja dan, Salvini baqa’ xettiku. Illum Salvini qal li Open Arms seta’ ħa lill-immigrantiu lejn Spanja u li l-kundizzjonijiet li spiċċaw fihom issa huma tort tagħhom stess.
Aqra: Żewġ nisa u familthom ġew evakwati minn Open Arms lejn Malta