27 immigrant jiddaħħlu Malta; 90 għal fuq vapur tal-Captain Morgan

Esklussiva filmat immigranti Aquarius

Read in English.

Grupp ta’ disat itfal u 18-il mara ddaħħlu Malta għal raġunijiet umanitarji.

Dan tħabbar mill-Gvern fi stqarrija maħruġa mill-Forzi Armati ta’ Malta dalgħodu.

Intant, kelliem għall-Gvern ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li mal-istess grupp ta’ immigranti kien hemm 90 immigrant ieħor li wkoll ġew salvati mill-AFM, iżda minħabba li hawn restrizzjonijiet biex jipprevjenu l-imxija tal-coronavirus, dawn ittieħdu abbord il-vapur tal-Captain Morgan, u ma ddaħħlux Malta wkoll.

Bħalissa Malta qiegħda tospita lil għadd ta’ immigranti fuq tliet vapuri differenti mikrija mingħand il-kumpanija Captain Morgan: Europa IIAtlantis u Bahari.

Ilbieraħ fil-Parlament ingħad illi l-Gvern qed jipprovdi għall-ikel lill-immigranti filwaqt li l-fuel u l-ekwipaġġ tad-dgħajjes tal-Captain Morgan huma mħallsin mill-kumpanija skont l-arranġament li l-Gvern għamel magħhom u li kien rappurtat li jiswa €3,000 kuljum għal kull dgħajsa.