27% iktar jivvjaġġaw bl-Air Malta f’Lulju

L-Air Malta ġarret 27% iktar passiġġieri f’Lulju ta’ dis-sena meta kkumparata ma’ Lulju tas-sena l-oħra.

Dan qaluh fi stqarrija, fejn tennew li  total ta’ 228,982 passiġġier inġarru mill-Air Malta minn u lejn Malta. Paul Sies, il-Kap Kummerċjali qal li t-tkabbir qed jidher xahar wara xahar, u c-Ċermen tal-Air Malta sostna jgħid li kuntenti ħafna li għat-tielet xahar konsekuttiv żdiedu l-passiġġieri b’mod sostanzjali.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi kkummenta li l-għan tat-tkabbir tal-linja tal-ajru qed jintlaħaq, u b’hekk is-suċċess ikompli jinkiseb fis-sezzjoni tat-turiżmu għall-benefiċċju tal-ekonomija Maltija kollha.