26,400 għandhom impjieg full-time u part-time

Tilwima industrijali avviżi legali ERB

Fi Frar ta’ din is-sena, f’Malta kien hawn mas-26,400 persuna li minbarra l-impjieg full-time tagħhom, kellhom ukoll impjieg part-time. Dan fisser żieda ta’ aktar minn 9% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel.

Ċifri mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika l-NSO jindikaw li fl-istess xahar, żdied ukoll bi kważi 3% l-għadd ta’ persuni li kellhom impjieg part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom. Fl-istess xahar, żdiedu b’6.5% dawk li kellhom impjieg full-time meta mqabbla ma’ sena ilu.

L-NSO ikkwota statistika tal-Jobsplus li turi li fuq medda ta’ sena, dawk qiegħda naqsu b’761 persuna.

Is-setturi li raw l-akbar tkabbir fl-impjiegi kienu dawk amministrattivi u ta’ sapport u dak tal-arti u d-divertiment. L-NSO qalet li s-settur privat kiber bi kważi 11,000 impjieg full-time f’sena, filwaqt li l-impjegati mal-Gvern żdiedu b’1289 persuna. In-nisa huma dawk li raw l-akbar żidiet fl-impjiegi bi 8.5% filwaqt li l-impjiegi għall-irġiel telgħu b’5.4%.

L-istatistika turi li dawk li jaħdmu għar-rashom ukoll żdiedu bi 829 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.

Żdiedu dawk li għandhom impjieg part-time reġistrat, l-aktar fl-oqsma professjonali, tax-xjenza, teknika, bejgħ bl-imnut u tiswijiet ta’ karozzi. Min-naħa l-oħra, l-uniku qasam li ra tnaqqis fl-impjiegi part-time kien dak fis-servizzi amministrattivi.