261 jiffirmaw ittra biex jaċċessaw flushom mis-Satabank

Ittra ġiet iffirmata minn 261 persuna li jridu azzjoni immedjata mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) biex jaċċessaw il-kontijiet bankarji tagħhom f’Satabank plc. L-ittra titlob lir-regolatur biex jintervjeni fil-qasam bankarju biex klijenti internazzjonali jkollhom kont bankarju miftuħ fi żmien raġonevoli.

L-ittra hija xogħol l-Assoċjazzjoni tal-Utenti tal-Banek u tas-Servizzi Finanzjarji (ATUSBUF). Newsbook.com.mt huwa infurmat li l-ittra ġiet indirizzata lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, lill-Prim Ministru Joseph Muscat, lill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, lill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona, l-MFSA, l-Kummissjoni Ewropea, u l-persuna kompetenti li nħatret f’Satabank mill-MFSA. Numru ta’ klijenti ta’ Satabank ma ngħatawx informazzjoni wara li l-MFSA temmet l-operat tal-bank.

Diversi gazzetti rrappurtaw kif klijenti tal-bank ħassew l-impatt negattiv wara li nħareġ l-avviż kontra s-Satabank. F’Lulju s-Satabank ngħata multa €60,500 wara li nstab ħati li kien qed jikser l-liġijiet kontra l-immaniġjar tar-riskju. Lejn l-aħħar ta’ Ottubru dehru uffiċjali tal-Pulizija qrib il-bank.

Avukat Taljan spjega kif dawk li kellhom kontijiet kemm personali kif ukoll kummerċjali ma’ Satabank qed jaffaċċjaw problemi fil-ħajja ta’ kuljum u kif dan waslu biex jwaqqaf assoċjazzjoni għall-konsumaturi tas-servizzi bankarji u finanzjarji. Francesco Trimboli, huwa avukat Taljan u membru tal-kamra tal-kummerċ Taljana f’Malta. Huwa tkellem ma’ Newsbook.com.mt u saħaq li l-każ ta’ Satabank huwa “stramb” dan għaliex twaqqaf l-aċċess lill-klijenti kollha.