25ċ minn kull biljett tal-Gozo Channel għall-Istrina

Il-Gozo Channel se tkun qed tagħti 25 ċenteżmu minn kull biljett standard li jinxtara lill-Malta Community Chest Fund Foundation għall-Istrina.

Din id-donazzjoni – li mhux se taffettwa n-nollijiet tal-Gozo Channel – ġiet imħabbra mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet.

Il-Ministru faħħar l-inizjattiva tal-Gozo Channel, u spjega li dan qed isir biex iħeġġeġ aktar lill-poplu Malti u Għawdxi jgħin lill-Community Chest Fund. Hu fakkar li din is-sena se jkun Milied differenti mis-soltu u appella sabiex il-poplu – speċjalment l-Għawdxin – ikunu ġenerużi.