Anton Refalo lliberat mill-akkużi ta’ vjolenza domestika

L-Eks Ministru għal Għawdex Anton Refalo ġie lliberat mill-akkużi ta’ vjolenza domestika. Dan wara li l-Maġistrat Joe Mifsud qies ix-xhieda ta’ uffiċjal tal-Pulizija bħala “għajdut”.

Dr Refalo, li bħalissa qed jokkupa l-kariga ta’ Ċermen ta’ Heritage Malta kien qed jiġi akkużat li ħebb għal ibnu, żagħżugħ, waqt argument jaħraq fid-dar tagħhom stess.

Fil-Qorti nstema’ kif il-każ seħħ f’Novembru li għadda, wara li allegament Dr Refalo rrabja ferm meta sar jaf li ibnu qed jibgħat ritratti pornografiċi tal-eks tfajla tiegħu mingħajr il-kunsens tagħha.

Il-Pulizija tikkonferma li qed tinvestiga lil Anton Refalo

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Mifsud innota li t-tabib ikkonferma li iben Refalo ġarrab ġrieħi ħfief.  Innota wkoll li mart Dr Refalo, li kienet preżenti waqt l-inċident, talbet biex ma tixhidx, liema talba ġiet milqugħa. Iben Refalo ġie eżentat ukoll milli jixhed.

Il-Maġistrat qal ukoll li ma kienx hemm provi li jissostanzjaw l-allegazzjonijiet u għaldaqstant illiberat lill-imputat minn kwalunkwe ħtija u piena.

Dr Anton Refalo kien Ministru għal Għawdex bejn l-2013 u l-2017. Minkejja li kiseb l-ikbar ammonti ta’ voti fost il-kandidati Għawdxin fl-elezzjoni tal-2017, Anton Refalo ma nħatarx mill-ġdid bħala Ministru għal Għawdex. Huwa ilu fil-Parlament mill-1987.  Is-sena li għaddiet ingħata l-irwol ta’ Chairman ta’ Heritage Malta.