Droga fil-ħabs tiddaħħal fil-krakar tat-tfal

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li d-droga fil-ħabs qed tiddaħħal b’kull mezz, saħansitra tinħeba fil-krakar tat-tfal.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari supplementari tad-deputat Laburista Byron Camilleri, il-Ministru qal li l-problema tad-droga fil-ħabs għadha reali, bil-qraba jużaw kull metodu biex jgħadduha lir-residenti. Huwa qal li kien hemm droga li nqabdet fl-inforra tal-ħwejjeġ, fil-partijiet intimi tan-nisa, kif ukoll tiġi mitfugħa minn fuq iċ-ċnut.

Il-Ministru stqarr li se jiġu installati scanners fil-ġranet li ġejjin bil-għan li ma jkunx hemm bżonn li ssir strip search fuq il-qraba tar-residenti. Huwa qal li l-btieħi qed ikunu eżaminati qabel ma joħorġu fihom ir-residenti. Żied jgħid li l-istess qed isir fit-toilets tal-Qrati fejn qed tinħeba d-droga għall-priġunieri.

Farrugia żvela li minn mindu qed isiru tfittxijiet fit-Taqsima Forensika fl-Isptar Monte Karmeli, it-talbiet biex residenti jkunu rikoverati f’dan l-isptar, naqsu bin-nofs.