256,000 passiġġier mill-MIA f’Novembru

Fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta għaddew 256,305 passiġġier f’Novembru, dan juri żieda ta’ 2.9% meta kkumparat mas-sena li għaddiet. Filfatt dan l-ammont ta’ passiġġieri hu rekord għax-xahar ta’ Novembru.
Fi stqarrija l-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport qal li “Din hija prova li l-istrateġija tal-pajjiż biex inżidu t-traffiku matul l-istaġuni li jaraw l-inqas attività qed tħalli l-frott.”
Iż-żieda hi prinċipalment minħabba rekord fis-seat load factor, li laħaq it-80.4%. Din iż-żieda fis-seat load factor, li hi l-persentaġġ ta’ siġġijiet li kienu mibjugħa, ikkumpensat għat-tnaqqis fit-titjiriet.
Is-swieq prinċipali tal-ajruport f'Novembru kienu r-Renju Unit, l-Italja u l-Ġermanja li żiedu l-passiġġieri b’medja ta’ 3%.
It-Turkija rnexxielha titla' fl-aqwa ħames swieq fejn irreġistrat żieda ta’ 75% fil-passiġġieri meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Din iż-żieda kienet reġistrata minħabba żieda fit-titjiriet fuq din ir-rotta minn u lejn Istanbul.