€3,000 kumpens għal ħaddiema esposti għall-asbestos

Qorti Newsbook Stock

Il-Qorti ordnat kumpens ta’ €3,000 mingħand il-Gvern lil 17-il eks ħaddiem tat-Tarzna minħabba li għamlu żmien twil esposti għall-asbestos.

Quddiem il-Qorti l-eks impjegati kienu saħqu li keinu esposti għal dan il-materjal perikoluż mingħajr protezzjoni u kienu f’riskju li jiżviluppaw kanċer kawża ta’ hekk. Dan wassal biex ressqu quddiem il-Qorti lid-Direttur Ġenerali tas-Saħħa Pubblika, lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u lill-Avukat Ġenerali.

Fl-appell tagħhom l-eks impjegati talbu sabiex il-Qorti tiddikjara li l-awtoritajiet fallew milli jipprovdu ambjent sigur fuq il-post tax-xogħol u dan wassal għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom. Għalkemm id-difiża sostniet li ma hemmx biżżejjed evidenza li l-asbestos wassal għall-problemi ta’ saħħa li sofrew dawn il-ħaddiema, l-Imħallef Anne Felice qalet li għalkemm ħadd mill-ħaddiema ma żviluppa kanċer, huma xorta sofrew minn kundizzjonijiet oħra kkawżati bl-asbestos.

L-Imħallef temmet tgħid li l-Gvern ilu jaf mis-snin 70 li dan il-materjal huwa perikoluż u kellu jieħu l-prekawżjonijiet neċessarji. Għalhekk hija ordnat li l-eks ħaddiema jingħataw kumpens ta’ €3,000 kull wieħed.