250,000 ċittadin għadhom maqbudin barra l-Ewropa

MFEA

250,000 ċittadin tal-Unjoni Ewropea għadhom maqbudin barra, filwaqt li s’issa nġiebu lura mat-350,000 ċittadin li kienu f’pajjiżi oħra. Saru ’l fuq minn 200 titjira ta’ ripatrijazzjoni.

Din l-informazzjoni ħarġet minn laqgħa virtwali bejn il-Ministri għall-Affarijiet Barranin flimkien mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea, Josep Borrell, biex jiddiskutu l-aħħar żviluppi b’rabta mal-impatt tal-Covid-19 u t-tisħiħ tal-koperazzjoni u s-solidarjetà bejn l-istati membri fil-ġlieda komuni kontra din il-pandemija.

B’referenza għall-Joint Protection Mechanism, il-Ministru Evarist Bartolo sostna li dan il-proċess għandu jiġi aċċellerat biex nassiguraw li t-tagħmir mediku meħtieġ jasal għand is-servizzi tas-saħħa fl-iqsar żmien possibbli.

Matul il-laqgħa, il-ministri tkellmu wkoll dwar l-importanza tal-koperazzjoni internazzjonali biex tingħeleb din l-isfida globali, b’mod partikolari b’ħidma mill-qrib mal-Afrika fejn it-tixrid tal-pandemija jista’ jkollu impatt serju fuq l-aspett politiku, ekonomiku u soċjali tal-kontinent ġar tagħna. Il-Ministru Bartolo tenna l-appell ta’ Malta għal assistenza b’saħħitha fil-Libja fejn il-ġlied persistenti qed jimmina l-kapaċità tal-pajjiż li jnaqqas it-tixrid tal-Covid-19, waqt li żdied ukoll ir-riskju ta’ żieda fl-immigrazzjoni irregolari. 

Il-Ministru Bartolo temm b’appell lill-istati membri biex jaraw li bastimenti ta’ NGOs li qed ibaħħru fil-Mediterran u li jtajru l-bandiera tagħhom, josservaw il-liġi internazzjonali u jfakkruhom fir-responsabbiltajiet tagħhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn