Aġġornata: Jaslu Malta 257 immigrant

Aġġornata 19:25
Ftit tal-ħin ilu waslu Malta 257 immigrant irregolari abbord żewġ patrol boats tal-Forzi Armati ta’ Malta f'Hay Wharf Base. Jidher li l-immigranti li ddaħħlu ġew mill-Palestina, mis-Senegal, mill-Iran, mill-Iraq u mis-Sirja. Probabilment dawn telqu mil-Libja.
Qabel ittellgħu fuq il-patrol boats, l-immigranti kienu fuq vapur merkantili li għabbihom wara istruzzjonijiet li ngħataw mill-Forzi Armati. Minkejja li l-immigranti nstabu barra mit-territorju Malti, huma nstabu fiż-żona ta’ riċerka u salvataġġ ta’ Malta u għaldaqstant waqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Malta.
L-operazzjoni tas-salvataġġ ta’ dawn l-immigranti ilha għaddejja mill-bieraħ wara nofsinhar. L-immigranti waslu fuq il-patrol boats tal-Forzi Armati, il-P52 u l-P24. Fuq patrol boat minnhom kien hemm 147 immigrant filwaqt li fuq l-oħra kien hemm 105.

Aġġornata 17:50
Ftit tal-ħin ilu waslu Malta ħamsa mill-250 immigrant li mistennija jaslu iktar tard illum. Dawn huma żewġt irġiel, mara, tifel, u tarbija ta’ sitt xhur li ttieħdet immedjatament l-isptar għall-kura minħabba l-kundizzjoni medika li jinsab fiha.
L-immigranti, li kollha jiffurmaw parti mill-istess familja, iddaħlu Malta fil-bażi marittima ta' Xatt it-Tiben permezz tal-patrol boat tal-Forzi Armati, Melita.
Minkejja li l-immigranti l-oħra, li jammontaw għal madwar 250, kellhom jaslu Malta għall-ħabta tal-4.15pm, jidher li dawn ittardjaw minħabba li ltaqgħu ma baħar imqalleb waqt il-vjaġġ tagħhom.

Iktar kmieni:
Grupp ta’ madwar 250 immigrant irregolari se jiddaħħlu Malta għall-ħabta tal-4.15pm.
Dak huwa l-ikbar grupp li ddaħħal Malta din is-sena. 
Huma kienu salvati f’din l-operazzjoni ta’ salvataġġ permezz tal-Forzi Armati ta' Malta fl-ibħra Maltin.
Vapur tal-merkanzija kien ukoll involut f’din l-operazzjoni kif ukoll żewġ patrol boats.
Din is-sena waslu aktar minn 300 immigrant irregolari f’Malta.

Ritratt: Forzi Armati ta' Malta