25% tal-immigranti li waslu Malta huma tfal

25% tal-immigranti irregolari li daħlu Malta s-sena li għaddiet kienu tfal. Nofshom kienu ġejjin mis-Somalja, u 12% biss kienu nisa.
Din l-istatistika hija fost id-dettalji miġbura fil-ktejjeb #knowthefacts – A Toolkit on Asylum and Migration for Maltese MEP Candidates li tnieda llum waranofsinhar.  Il-ktejjeb sar b'kollaborazzjoni bejn l-Ogħla Kunsill għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda (UNHCR) u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta għall-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-pubblikazzjoni tinkludi l-aħħar statistika b’mod partikolari fuq il-Baħar Mediterran u ċ-ċentri ta’ detenzjoni.
Waqt il-preżentazzjoni tal-pubblikazzjoni lill-midja, Jon Hoisaeter, ir-Rappreżentant tal-UNHCR f'Malta qal li "Kwistjonijiet dwar l-ażil u l-immigrazzjoni jibqgħu prijorità fuq l-aġenda f'Malta.”  Żied jgħid li minkejja li hemm perspettivi differenti dwar l-isfidi u s-soluzzjonijiet, id-dibattitu ta’ sikwit jisfa’ vittma tan-nuqqas ta’ informazzjoni dwar xi wħud mill-fatti bażiċi.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Dr Peter Agius, qal li din l-inizjattiva hija parti mill-kampanja ta' informazzjoni usa' lejn dibattitu aktar infurmat fil-mixja lejn l-elezzjonijiet Ewropej.  Qal li waħda mill-ewwel impenji li se jkollhom l-MEPs eletti se jkun li jieħdu sehem fis-seduta tas-smigħ fl-għażla tal-Kummissarji Ewropej ġodda, inkluż dak li se jkun responsabbli mill-politika dwar l-immigrazzjoni.
Żied jgħid li l-ġimgħa d-dieħla fil-Parlament Ewropew se jiġu diskuss fl-infurzar tal-Frontex.
Il-ktejjeb jinkludi informazzjoni aġġornata u statistika sal-2014. Huwa disponibbli wkoll onlajn fuq il-websajt tal-UNHCR Malta u tal-Uffiċċju Informazzjoni tal-Parlament Ewropew f'Malta.