25 sena wara l-gwerra tal-Bosnia il-pajjiż għadu ma sabx paċi vera

Ħamsa u għoxrin sena wara li kien beda l-ġlied fil-Bosnia li wassal għal kunflitti li damu s-snin, il-mexxejja tal-Knisja Kattolika jsostnu li l-għeruq li wasslu għal dik il-gwerra għadhom mhux solvuti.
Il-paċi u l-ġustizzja għadhoma ħafna ‘l bogħod mill-Bosnia-Herzegovina fejn għad ma hemmx demokrazija vera u anqas żvilupp soċjali u ekonomiku, fil-fehma tal-Isqof Franjo Komarica ta’ Banka Luka.
Il-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton, waqqaf it-tixrid tad-demm, iżda mhux il-gwerra – la ġieb drittijiet u anqas ġustizzja għaċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż imfarrak. Il-frott qares ta’ dak il-Ftehim u l-implimentazzjoni tiegħu s’issa ħolqu ġlied u tilwim bejn il-politiċi lokali. Il-korruzzjoni, il-kriminalita’ u l-instabilita’ li ssibhom f’kull livell tal-Gvern, żammew lill-pajjiż milli jerġa’ jinbena u jieħu bixra Ewropea.
Il-gwerra ntemmet billi nħolqu territorji separati għas-Serbi u l-Musulmani wara li nqatlu aktar minn 100,000 persuna u aktar minn żewġ miljuni kellhom jaħarbu minn djarhom.
L-Isqof Komarica qal li mijiet ta’ villaġġi li fihom jgħixu l-Kattoliċi għadhom isofri l-effetti tat-“tindif etniku” u ma hemmx rieda politika biex tkun applikata l-liġi u l-ġustizzja permezz tal-qrati.  Ir-Russja, it-Turkija u diversi pajjiżi Għarab indaħlu ripetutament fil-Bosnia-Herzegovina filwaqt li l-kriminali tal-gwerra  qed igawdi diversi benefiċċji fosthom impjiegi politiċi.
“Iċ-ċittadini tagħġna għandhom diffikulta biex jifhmu kif l-aktar pajjiżi influwenti fid-dinja – l-Istati Uniti, ir-Russja, l-Unjoni Ewropea, it-Turkija u pajjiżi Islamiċi ma rnexxielhomx iġibu demokrazija sħiħa fil-pajjiż u jħallu lill-abitanti jgħġixu fil-paċi bi drittijiet assigurati.  Aħna għandna bżonn riformi istituzzjonali, għażliet politiċi li jfittxu l-ġid komuni, rispett għad-drittijiet u d-dmirijiet, żvilupp ekonomiku u soċjali fuq il-bażi ta’ federaliżmu, deċentraliżazzjoni, sussidjarjeta’ u rappreżentanza politika tal-Kroati, Serbi u Bosniaci u minoritajiet oħra. Sfortunatament dan għadu ferm ‘l bogħod milli jintlaħaq”, sostna l-Isqof.
Sadattant, il-Kap tal-Knisja Ortodossa tas-Serbia wissa’ li pajjiżu qatt ma se jitlaq il-Kosovo minn taħt idejh li issa kien rikonoxxut bħala pajjiż indipendenti minn ħafna pajjiżi tal-Punent. “Il-Kosovo jista’ jinħataf u jkun okkupat, kif inhu llum, iżda s-Serbja qatt ma tista’ tgħid li se ċċeedih – dak li ċċedi jintilef għal dejjem filwaqt li dak li jittieħed b’forza xi darba jista’ jinkiseb lura b’xi mod”, qal il-Patrijarka Irinej Gavrilovic fuq it-televiżjoni. “Il-mexxejja politi            ċi Serbi jaħsbuha b’dan il-mod u pajjiżi qed jagħmel sforzi biex iżomm il-Kosovo fis-Serbja u jsib arranġamenti politiku li jkun jogħġob liż-żewġ naħat.  Ma nistgħux nimmaġinaw is-Serbja mingħajr il-Kosovo”.