25 sena wara: Il-messaġġ li baqa’ jintbagħat

L-ewwel Short Message Service, jew kif jafuh ħafna ‘SMS’, intbagħat preċiżament 25 sena ilu u bidel il-ħajja ta’ biljuni ta’ persuni madwar id-dinja.
Illum-il ġurnata, għalkemm dejjem jissielet kontra mewġa ta’ apps bħal Whatsapp u Messenger, xorta għadu jintuża b’mod frekwenti.
Kien l-enġinir tal-Vodafone Neil Paworth li nhar it-3 ta’ Diċembru tal-1992 bagħat l-ewwel sms fejn kiteb ‘Il-Milied it-tajjeb’ minn fuq kompjuter għal fuq mowbajl ċellulari u li mingħajr ma kien jaf ħoloq fenomenu li bidel il-mod ta’ kif is-soċjetà tikkomunika.
Filfatt l-ewwel messaġġ minn mowbajl għal mowbajl ieħor intbagħat fl-1993 bħala parti minn esperiment mill-kumpanija Nokia.
Lejn tmiem is-snin 90 l-użu tal-sms ħa spinta kbira hekk kif il-handsets tal-mowbajls bdew jintużaw miż-żagħżagħ sakemm fl-2007 fl-Istati Uniti għall-ewwel darba inkiser ir-rekord fejn bdew jintbagħatu aktar messaġġi minn telefonati f’xahar.
Wieħed jista’ jargumenta li l-apps moderni ħadu post dan is-servizz, pero ma nistgħux ninsew li meta ma jkollniex internet kulħadd jirrikorri għal sms.