25 sena ħabs għal wieħed mill-hijackers ta’ ajruplan Libjan li spiċċa Malta

Read in English.

Wieħed miż-żewġ hijackers li fl-2016 ħataf ajruplan Libjan li spiċċa dirottat lejn Malta weħel sentenza ta’ 25 sena ħabs wara li ammetta għall-akkużi kollha miġjuba kontrih minflok jgħaddi ġuri.

L-ajruplan Airbus 320 tal-Afriqiyah Airlines kien fuq titjira interna fil-Libja – minn Sabha għal Tripli – fl-23 ta’ Diċembru tal-2016 meta ġie maħtuf minn żewġ irġiel li insistew li jiġi dirottat lejn Ruma. L-irġiel heddew li jisplodu l-ajruplan bi splussivi li deher li kellhom fuq persunthom.

Il-bdot tal-ajruplan qal li l-ajruplan ma kellux biżżejjed fuel biex jasal Ruma, u b’hekk niżel fl-ajruport ta’ Ħal Luqa. F’Malta, il-passiġġiera u l-crew ġew rilaxxati u ż-żewġ irġiel – li nstab li kellhom biss armi foloz – ġew arrestati.

Filwaqt li wieħed mill-irġiel ċaħad l-involviment tiegħu, Soko Moussa Shaha Ali għażel li jammetti li għamel att ta’ terroriżmu, li ħataf ajruplan, li għamel egħmil ta’ vjolenza fuq ajruplan, u li ssekwestra, hedded u kkawża biża li se tintuza vjolenza kontra l-crew u l-passiġġiera.

Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fakkret li bħala regola ġenerali, l-ammissjoni tal-akkużat iġġib tnaqqis fil-piena, anke jekk dan mhux neċessarjament isir.

F’dan il-każ, innutat li l-akkużat irreġistra ammissjoni qabel ma ingħalaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u qabel ma nħarġet l-Att tal-akkuża, u b’hekk għamel dan fi stadju bikri. Min-naħa l-oħra, il-każ kien wieħed serju ħafna, b’numru ta’ akkużi fejn tapplika piena sa għomor il-ħabs.

L-Imħallef Scerri Herrera fl-aħħar ikkunsidrat l-ammissjoni tal-inputat, il-fatt li l-ebda passiġġier ma weġġa jew żviluppa problemi psikoloġiċi jew psikjatriċi, li l-pirati taw ruħhom f’idejn l-awtoritajiet, li ma ndaħlux mal-pilota fir-rigward tal-istruzzjonijiet li kien qed jingħata minn Malta, li ma kellhomx armi jew splussivi veri, u li ma kinux aggressivi mal-passiġġieri u kkundanatu għal 25 sena priġunerija.

Ġie ordnat ukoll iħallas €9,099.05, nofs l-ispejjeż involuti fil-ħatra tal-esperti.