25 sena għal anzjan li abbuża lin-neputijiet ta’ 3 u 5 snin

Anzjan ta’ 65 sena ntbagħat 25 sena ħabs wara li nstab ħati li kien repetutament jabbuża sesswalment min-neputijiet, meta dawn kien għad kellhom biss 3 u 5 snin.
Il-każ instema lbieraħ fil-magħluq quddiem l-Imħellef Antonio Mizzi, u isem ir-raġel ma jistax jixxandar sabiex tiġi protetta l-identità tal-vittmi.
Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel kien qabad jabbuża min-neputijiet meta kienu fdati lilu minn ħuh, li jiġi missierhom, biex jieħu ħsiebhom bħala babysitter.
Jidher li l-anzjan kien arrestat lura fl-2016, meta waħda mit-tfajliet, li dakinhar kellha 18-il sena, għamlet il-qalb u tkellmet mal-Pulizija.
Fl-investigazzjonijiet tagħha l-Pulizija sabet ritratti deskritti bħala “tat-tkexkix” li juru abbużi fuq tfal, u saħansitra l-anzjan ġieli ffilmja dak li kien jagħmel meż-żewġ neputijiet.
Fil-fatt dan il-każ qed ikun deskritt bħala l-agħar wieħed t’abbuż sesswali li qatt rat Malta.
Ir-raġel kien akkużat bi stupru, liema azzjoni kienet aggravata minħabba l-fatt li sippost hu kellu jieħu ħsieb lil dawn it-tfal. Kien akkużat ukoll li kellu materjal pornografiku, u li anki pproduċa hu stess materjal pornografiku man-neputijiet.
Sadanittant, l-anzjan mill-ewwel ammetta l-akkużi miġjuba kontrih lura fl-2016, meta mbagħad il-każ għadda għall-Qorti Kriminali biex tagħti s-sentenza.
L-Imħallef ordna wkoll biex fil-ħabs ir-raġel jingħata programm ta’ edukazzjoni biex jirriforma ruħu.
Hu tniżżel fil-ktieb ta’ persuni li xi darba jew oħra f'ħajjithom instabu ħatja t'abbuż sesswali.