“25 presepju maħdum minn materjali differenti ” – Rosalino Saliba

Il-Presepju hu tradizzjoni sabiħa li għaddiet minn ġenerazzjoni għall-ġenerazzjoni. Fil-fatt dan ukoll seħħ u mexa sew fil-familja ta’ Rosalino Saliba. Ta’ tlett snin minn dejjem kien jgħin lil missieru waqt li kien ikun qed jaħdem il-presepju.

“llum nista’ ngħid li jien u missieri t-tnejn li aħna dilettanti kbar tal-presepji fil fatt sirna membri tal-Għaqda Ħbieb tal-Presepji Malta minn fejn hemm komplejna niltaqgħu ma’ dilettanti oħrajn u qsamna flimkien ideat differenti fuq il-bini tal-presepju u aċċessorji li jkomplu jsebbħuħ,” beda biex jgħidilna.

“Is-snin għaddew u l-ideat komplew jiżviluppaw fil-fatt jien u missieri xtaqna li l-ħolma tagħna issir realtà. Għalhekk sar ftehim bejnietna u xi ħbieb tagħna u anki membri tal-Għaqda, fejn dawn għoġobhom jisilfuna numru sabiħ ta’ presepji maħduma minn esebituri differenti. Fis-sena 2005 organizzajna l-ewwel wirja ta’ presepji fil-garage tagħna f’Ħal Balzan, fejn minn dak inhar ‘il quddiem komplejna għadejjin b’din il-wirja ta’ presepji dejjem differenti minn sena għall-oħra,” kompla jgħid Saliba.

Din is-sena il-wirja ta’ presepji se tkun inawgurata u miftuħa għall-pubbliku minn għada l-Ġimgħa 13 ta’ Dicembru f’La Rosa Mansions Garage, C Vjal il-Bon Pastur, Ħal-Balzan.

25 presepju nħadmu minn materjali differenti fosthom polystyrene sufra, presepji originali u oħrajn li nħadmu fuq stili differenti qed ikunu esibiti għall-wiri bejn il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru 2019 u l-Ħadd 5 ta’ Jannar 2020.

Id-dħul huwa mingħajr ħlas u l-wirja tkun miftuħa kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn il-5.00pm u t-8.00pm u Sibt, Ħdud u festi bejn l-10.00am u nofsinhar. Filgħaxija bejn il-5.00pm u t-8.00 pm. 

Il-pubbliku hu mistieden biex iżur u jammira x-xogħol li sar b’tant dedikazzjoni tul din is-sena.

Dawk interessati li jorganizzaw xi private biex iżuru din l-wirja huma mitluba jċempluli fuq 79048875 biex il-wirja tkun tista’ tinfetaħ għalihom f’ħinijet differenti.