25 persuna bil-coronavirus weħlu multa għax ma kinux kwarantina

Miguela Xuereb

25 persuna li għandhom il-coronavirus weħlu multa għax ma kinux kwarantina meta suppost ma kinux qegħdin joħorġu.

Dan qalitu s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci meta tat l-aħħar aġġornamenti fuq il-coronavirus f’Malta. Dalgħodu ħabbret li Malta kellha 19-il każ ġdid, filwaqt li fiequ 37 persuna.

Mistoqsija mill-ġurnalisti dwar il-multi li nħarġu mill-awtoritajiet b’rabta mal-miżuri tal-coronavirus, Prof. Gauci qalet li saru 53,782 spezzjoni fuq nies li suppost kienu qegħdin kwarantina. Minn dawn, ġew immultati 167 persuna.

Billi issa qed isir aktar infurzar fuq l-ilbies tal-maskri, dawn għandhom jintlibsu ġol-ħwienet, ġor-ristoranti qabel wieħed ipoġġi mal-mejda, fuq il-karozzi tal-linja u fuq il-vapur t’Għawdex. Mill-1,367 spezzjoni li saru għall-ilbies tal-maskri, inħarġu 113-il multa lil persuni li kienu mingħajr maskra.

Mill-21,731 spezzjoni li saru fl-istabbilimenti, inħarġu 36 multa. Saru, imbagħad, 11,798 spezzjoni sabiex jaraw li jitħarsu l-miżuri ta’ mitigazzjoni u minn dawn inħarġu 83 multa.

Fil-konferenza tal-lum, Prof. Gauci fakkret lill-poplu l-importanza tal-ilbies tajjeb tal-maskri.

Hija spjegat li l-maskri mediċi m’għandhomx jintlibsu għal aktar minn erba’ sigħat, billi dawn jitilfu l-effettività tagħhom wara erba’ sigħat għax jixxarrbu. Il-maskri għandhom jintlibsu wkoll waqt li wieħed ikun qed jitkellem.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn