25 persuna arrestati fir-Rabat minħabba droga

Read in English.

25 persuna ġew arrestati matul il-lejl li għadda fir-Rabat minħabba droga.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegaw li ħidma tal-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga wasslet għall-arrest ta’ 25 persuna ta’ nazzjonalitajiet varji, fosthom ukoll Maltin, u li l-età tagħhom tvarja bejn is-17 u t-42 sena.

Dawn ġew arrestati b’konnessjoni ma’ sejbiet ta’ droga li rriżultaw minn tfittxijiet li saru għall-għarrieda waqt attivitajiet ta’ divertiment fil-limiti tar-Rabat, Malta. Fost id-droga li nstabet kien hemm kokajina, ħaxixa tal-Kannabis, pilloli ecstasy u ketamina.

Fost il-25 persuna arrestati, kien hemm erba’ persuni, Serb ta’ 37 sena residenti San Pawl il-Baħar, Russu ta’ 21 sena residenti Gwardamanġa, Malti ta’ 28 sena residenti Ħal Qormi u tfajla ta’ 17-il sena residenti Ħal Tarxien, li ġew arrestati b’konnessjoni ma’ sejba ta’ madwar ħamsin pillola ecstasy f’ċirkostanzi li juru li kienu lesti biex jiġu traffikati fl-istess lejl.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u wħud mil-persuni arrestati mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin.