25 multa għal ksur ta’ kwarantina; 3 lil stabbilimenti

MEHOA

Fl-aħħar 24 siegħa, Uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali għamlu total ta’ 569 spezzjoni madwar Malta u Għawdex. Sa issa, 25 persuna nqabdu jiksru l-kwarantina mandatorja filwaqt li ħarġu tliet multi lil stabbilimenti li marru kontra l-ordnijiet tal-Gvern.

F’post fuq Facebook, l-Assoċjazzjoni għall-Uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali (MEHOA), spjegat li l-ispezzjonijiet qed isiru mill-Uffiċjali tagħha, kif ukoll Uffiċjali tal-Pulizija u tal-Protezzjoni Ċivili.

44 mill-ispezzjonijiet huma relatati ma’ contact tracing, filwaqt li 107 kuntatti ġew investigati.

Sal-bieraħ ma kienx hemm stabbilimenti li nqabdu jiksru l-kundizzjonijiet imposti mill-Gvern. Intant jidher li kien hemm persuna ġdida li nqabdet tikser il-kundizzjonijiet tal-kwarantina mandatorja, hekk kif sal-bieraħ it-total tal-ksur tat-tip kien ta’ 24 każ.

Il-multa attwali hija dik ta’ €3,000 għal kull jum li wieħed ikun inqabad jikser il-kwarantina jew l-ordnijiet tal-Gvern.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn