25 Malti jaslu minn Tripli fl-ewwel vjaġġ bil-baħar

Grupp ta’ 25 Malti wasal minn Tripli lbieraħ għall-ħabta tas-7:00pm abbord il-katamaran tal-Virtu Ferries.
Kien il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella li aktar kmieni lbieraħ stess ħabbar li grupp ta’ Maltin kienu se jaslu Malta permezz ta’ katamaran mil-Libja.
Din kienet l-ewwel evakwazzjoni mil-Libja permezz tal-baħar fi vjaġġ li dam aktar minn sitt sigħat.
Abbord il-katamaran kien hemm aktar minn 250 persuna fosthom Indjani, Pakistana u Filippini.
Il-Gvern għadu għaddej b’aktar taħdidiet anke ma’ pajjiżi oħra sabiex aktar Maltin ikunu jistgħu jkomplu jiġu evakwati mil-Libja.
Jista’ jagħti l-każ li llum stess, il-kumpanija Virtu Ferries tkun qed tagħmel vjaġġ ieħor lejn il-Libja biex tkompli tevakwa aktar persuni.