25 klassi fil-primarja għal tfal barranin

Il-Gvern fetaħ 25 klassi fuq livell primarju għal studenti li la jafu bl-Ingliż u lanqas bil-Malti.
Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.
B’kollox qed jiġu mgħejjuna 223 student permezz ta’ dawn il-klassijiet. L-ikbar numru ta’ klassijiet jinsab f’San Pawl il-Baħar u f’San Ġwann fejn hemm ħames klassijiet kull wieħed u fejn qed jiġu mgħejjuna 68 u 45 student rispettivament.
Bartolo spejga li kemm jista’ jkun, il-klassijiet qed jiġu ffurmati minn studenti ta’ etajiet qrib xulxin għalkemm fejn hemm numru ta’ klassijiet ikbar bħal f’San Pawl il-Baħar u San Ġwann, il-gruppi ġew iffurmati aktar bi tfal tal-istess età.
Bartolo qal li fl-Iskejjel Sekondarji s-sitwazzjoni hi xi ftit differenti minħabba li dawn għandhom numru ta’ studenti li ġejjin minn pajjiżi differenti u bi ħtiġijiet ta’ sapport differenti.
Hemm Skejjel Sekondarji bħal Mosta Żokrija, Pembroke u Naxxar li minħabba n-numru ta’ studenti, diġà għandhom gruppi stabbiliti ta’ studenti li qed jingħataw dan t-tip ta’ is-sapport. Skejjel Sekondarji oħra, bħar-Rabat, Żejtun, Kirkop, Sliema, Blata l-Bajda u  Ħandaq, qed jingħatalhom sapport b’mod regolari għal numru ta’ sessjonijiet kull ġimgħa minn għalliema mħarrġa.