25 idea kif tokkupa lit-tfal fid-dar

F’dawn il-ġranet tal-pandemija mhux faċli ‘tokkupa’ lit-tfal. Ċertament mhux mistenni minna li nimlewlhom il-ħin kollu. Wara kollox li jkollhom ftit ħin ‘boring’ hu parti mill-ħajja wkoll. Dawn huma xi affarijiet li jistgħu jagħmlu (u int magħhom ukoll) biex jaħlu ftit enerġija wara li jkunu għamlu mumenti ta’ studju u qari. 

  • Ma hemmx tifel jew tifla taħt l-10 snin li ma jiħdux pjaċir jibnu ‘dar’. Aqbdu gverta jew liżar u għattu l-mejda, jew għattu siġġijiet spazjati minn xulxin u serrħu l-gverta fuq id-dahar. Żid ftit cushions. Ma hemm xejn isbaħ minn party żgħir taħt il-gvieret jew lożor. U jekk għandkom kelb, daħħluh magħkom ukoll. Iddaħħlux xemgħat jew sulfarini.
  • Ittrasforma s-salott f’gym: jumping on the spot, push-ups, touch your toes.
  • Ifforma “triq” bil-karti jew bil-gazzetti fl-art. Waħħalhom bejniethom biex ma jiċċaqilqux. It-triq iddur mas-salott jew il-kuritur. It-tfal jimxu fuqha bla ma jirfsu barra sakemm jerġgħu jiġu minn fejn bdew. Ilgħabha magħhom int ukoll.
  • Ibdew magazin tal-familja. Imlewh bl-“aħbarijiet” tal-familja, logħob, tpinġijiet, stejjer, ċajt, intervista man-nanna, eċċ. Tistgħu tużaw il-kompjuter għal dan, għalkemm dan jista’ jillimita n-numru ta’ parteċipanti.
  • Minflok magazin tistgħu tagħmlu forma ta’ tv show – u tinsiex tiffilmja kollox. Ikollok bżonn kaxxa tal-kartun bla qiegħ.
  • Aqraw stejjer jew ħrejjef (qosra) minn ktieb li jogħġobhom.
  • Pinġu l-bajd bil-markers tal-kulur.
  • Oħorġu l-Ludo, Snakes & Ladders, Charade, Monopoly, Draughts u karti tal-logħob. Ilagħbu “ħames ċagħqiet” jew “I spy with my little eye something beginning with – ”
  • Agħmlu pizza jew gallettini flimkien. It-tfal iħobbu ħafna jdellku u jgħaffġu u jduqu dak li jkunu “għenuk” taħmi.
  • In-noli jibqa’ dejjem logħba eċċitanti, basta jkunu jafu fejn jistgħu jistaħbew u fejn le.
  • Sib kalzetti qodma jew farradin, waħħal buttuni għall-għajnejn, drapp għall-imnieħer, spag jew tajjar għax-xagħar. Ħithom jew waħħal bil-glu. Tistgħu tagħmlu puppet show f’teatru magħmul minn kaxxa tal-kartun. Iffilmja kollox.
  • Oħorġu l-istrumenti li għandkom id-dar (magħref tal-injam, rigi, bottijiet, laned vojta, fliexken vojta tal-ilma), duru madwar il-mejda, u oħolqu sinfonija irripetibbli flimkien.
  • Bowling bil-fliexken vojta tal-ilma u b’biċċa karta mgħaffġa tonda f’forma ta’ ballun.
  • Għidilhom jgħinuk tħejji u tiżbarazza l-mejda u tixxotta l-platti.
  • Araw film tad-daħq, imma wara siegħa għidilhom iqumu u jiċċaqilqu ftit.
  • Darba kultant jistgħu jiżbarazzaw il-kamra tagħhom, jgħinuk tonxor jew titwi l-ħwejjeġ.
  • Agħmlu sessjoni ta’ face painting. It-tfal jiżbgħu wiċċ xulxin – dejjem bl-attenzjoni dovuta min-naħa tiegħek!
  • Oħolqu “indoor obstacle course” li fiha jridu jixxabbtu, jitkaxkru, jaqbżu, jaqgħu fuq cushions / saqqijiet / twapet. Tħallihomx jagħmluha bla ma tissorveljahom int.
  • Waħħal masking tape mal-art biex toħloq racing track li minnha jgħaddu l-karozzi u t-trakkijiet li għandhom merfugħa fil-kaxex.
  • Jigsaw puzzles (suppost) jipprovdu ftit ħin ta’ kwiet u okkażjoni għal koperazzjoni bejniethom.
  • Bil-laned u l-pakketti kollha li xtrajna meta bdejna naħsbu għall-pandemija, jistgħu jorganizzaw minimarket. Wieħed joqgħod kaxxier, l-ieħor jixtri u l-oħra tistokkja. Tinsewx ukoll ftit ‘boroż’.
  • Hula-hoop fis-salott? Għaliex le!
  • Ipprova wkoll il-passju. Uża l-madum jew il-masking tape għal-linji u dada tal-oxo minflok ġebla.
  • Ping-pong bil-bżieżaq: ikollok bżonn bżieżaq u pali tat-table-tennis (jew platti tal-karti). Oħloq ftit spazju u ibdew!
  • Agħmlu ftit eżerċizzji tal-yoga (segwu minn fuq it-tv jew YouTube).

Tista’ tara l-verżjoni sħiħa ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn