25 dar f’Tas-Sliema mhux għat-twaqqigħ

L-Awtorità tal-Ippjanar tat il-protezzjoni lil 25 dar oħra f’Tas-Sliema bħala parti mill-iskedar li ħabbret illum.
Fi stqarrija, l-Awtorità qalet li d-djar jinsabu f’żewġ postijiet partikolari u għandhom valur kollettiv minħabba li jiffurmaw ringiela ta’ bini tal-istess għamla, għoli, disinn, proporzjon, materjal u stil.
20 minn dawn id-djar jinsabu kollha f’dawn it-toroq: Triq Dun Mikiel Rua, Triq Guzè Howard, Triq Poutiatin Tabone u Triq San Gwann Bosco, filwaqt li l-ħamsa l-oħra huma kollha fi Triq il-Katidral, b’waħda minnhom tmiss ma’ Triq San Pawl.
Id-djar huma mibnija fuq disinn neo-klassiku u ġew mibnija bejn l-aħħar tas-seklu 19 sa nofs is-seklu 20.
Għalkemm ġew protetti minħabba l-valur kollettiv, kull waħda minn dawn id-djar għandha merti individwali tagħha. Numru minnhom ġew skedati minħabba l-karatteristiċi tal-faċċata li tiddistingwihom minn djar oħrajn.
L-Awtorità qalet ukoll li evidentament dawn il-binjiet ġew ikkummissjonati minn sidien sinjuri, iddisinjati minn periti prominenti u mibnija mill-aqwa bennejja ta’ dawk iż-żminijiet.
L-FAA se tgħin lis-sidien biex imantnu djar b’valur storiku
L-għaqda ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar, ħabbret li se tintroduċi skemi biex tgħin lis-sidien ta’ djar bħal dawn biex imantnu u jippreservaw id-djar tagħhom.
Fi stqarrija, l-FAA laqgħet din l-aħbar u fakkret kif ftit ġimgħat ilu kienet kitbet formalment lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tistaqsi għall-protezzjoni tad-djar fi Triq il-Katidral.
Qalet li dan jawgura tajjeb għal era ġdida ta’ protezzjoni ta’ djar bħal dawn li huma parti mill-patrimonja nazzjonali ta’ Malta.
L-FAA qalet ukoll li se tkompli taħdem biex tħares siti ta’ patrimonju madwar Malta.