24% tal-persuni b’diżabilità ma jafux jiktbu u jaqraw

Il-maġġoranza tal-persuni b’diżabilità li għandhom iktar minn 20 sena, m’għandhom l-ebda forma ta’ kwalifiki. Jirriżulta li l-illiteriżmu f’dan il-grupp jammonta għal 23.5%. Dan jikkuntrasta sew mas-6% tal-persuni illiterati preżenti fil-popolazzjoni ġenerali.  

Dan jirriżulta minn rapport tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Ir-rata ta’ persuni b’diżabilità li jibqgħu għaddejjin bi studji terzjarji tibqa’ baxxa. Il-persentaġġ ta’ persuni b’diżabilità li baqgħu jistudjaw f’livell terzjarju matul is-sena li għaddiet, jammonta għal madwar 7%  għal dawk li għandhom bejn l-20 u d-39 sena. Dan meta l-medja nazzjonali f’dawn l-etajiet hi ta’ 9.6%.

Ir-rapport juri wkoll li minkejja l-avvanzi li saru fl-għajnuna provduta lil dawn il-persuni f’diversi livelli ta’ edukazzjoni permezz ta’ Learning Support Assistants, dawn jew ma kienux imħarrġa biżżejjed jjew ma kellhomx il-kwalifiċi meħtieġa.

Fuq nota pożittiva, in-numru ta’ persuni b’diżabilità li jaħdmu jammonta għal kważi 40%. Dan huwa qrib il-medja nazzjonali ta’ kważi 46%.