24 student Daniż kwarantina f’Malta

Miguela Xuereb

24 student Daniż jinsab kwarantina f’Malta, billi l-leader Daniż li qed jakkumpanjahom irriżulta pożittiv bil-coronavirus.

Is-sit tal-aħbarijiet Daniż TV2 irrapporta li bejn 40 u 50 student Daniż jinsabu kwarantina f’Malta peress li l-leader tagħhom għandhom il-Covid-19, iżda d-Direttur Eżekuttiv tal-iskola EF Malta, Roger Bugeja, fejn jattendu dawn l-istudenti, ikkjarifika ma’ Newsbook.com.mt li l-għadd ta’ studenti kwarantina huwa 24.

Ir-rapport jgħid li l-leader ta’ dan il-grupp instab li għandu l-coronavirus, u għalhekk, l-istudenti kellhom jitpoġġew kwarantina. Il-familji ta’ dawn l-istudenti tkellmu mas-sit Daniż u qalu illi ma jistgħux jirranġaw biex uliedhom imorru lura d-Danimarka minħabba li jridu joqogħdu kwarantina.

Dawn l-istudenti għandhom bejn il-15 u s-16-il sena u jinsabu Malta biex jistudjaw l-Ingliż mal-EF. Huma sarilhom it-test tal-coronavirus ilbieraħ bħala prekawzjoni. Qegħdin jinżammu f’parti speċifika ta’ waħda mir-residenzi tal-iskola f’Tas-Sliema. Huma fadlilhom ġimgħa f’Malta.

Is-Sur Bugeja qal li l-ebda student jew impjegat ieħor ma wera sintomi, u l-iskola qed issegwi l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Id-Direttur tal-iskola assigura lil din il-kamra tal-aħbarijiet li l-istudenti jinsabu siguri fir-residenza fejn qed joqogħdu bil-bżonnijiet kollha provduti. Qed jingħataw superviżjoni minn impjegati tal-iskola stess.

S’issa Malta għandha 150 każ tal-coronavirus, wara l-10 każijiet li nstabu fl-aħħar 24 siegħa. Sitta minn dawn kellhom rabta mal-każijiet li ħarġu mill-festa ta’ Santa Venera, u l-erbgħa l-oħra kienu sporadiċi.