24 siegħa biex isolvu l-isfida tal-iskart fil-Belt Valletta

Il-parteċipanti ta’ Climathon se jkollhom 24 siegħa biex isibu soluzzjoni għall-isfida tal-iskart fil-Belt Valletta.
Fi stqarrija, Climathon spjegat kif din il-belt rat żieda qawwija ta’ attività kummerċjali, speċjalment matul dawn l-aħħar 12-il sena.  Kompliet tgħid li hemm rabta diretta bejn tkabbir ekonomiku u ż-żieda fl-ammont ta’ skart iġġenerat. Għalhekk, Climathon stqarret li qed tinħass il-ħtieġa li jkun hemm pjan effettiv għall-immaniġġjar tal-iskart li jtejjeb u jħares il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Belt u dawk kollha li direttament jew indirettament għandhom rabta magħha.
Climathon qalet li nhar il-Ġimgħa, il-parteċipanti tal-attività ta’ din is-sena se jiltaqgħu għal 24 siegħa sabiex jiddiskutu l-problema u s-soluzzjonijiet possibbli dwar l-iskart fil-Belt Valletta. L-aħjar idea tintagħżel minn ġurija magħmula minn numru ta’ professjonisti mmexxija mill-Kap Eżekuttiv globali ta’ Climate-KIC Bertrand Van Ee.
Wieħed mill-organizzaturi lokali, Edwin Ward, spjega li “Climathon tlaqqa’ l-isfidi tal-ibliet ewlenin madwar id-dinja ma’ dawk in-nies li għandhom ir-rieda u l-kapaċità li jsolvu dawn l-isfidi. Il-parteċipanti jiltaqgħu għal 24 siegħa sabiex jiddiskutu waqt workshop li jkollu bżonn ‘isolvi’ problema marbuta mal-klima.”
Il-moviment Climathon jinsab fit-tielet sena tiegħu u f’dawn l-aħħar sentejn kiber ħafna u kienu ħafna dawk l-innovaturi li tħajru jinvolvu ruħhom għall-ġid tal-ambjent. Fi stqarrija, Climathon qalet li kibret minn 19 għal 59 belt f’spazju ta’ sena u s’issa ġġenerat 2330 idea u laħqet 16.8 miljun persuna madqar id-dinja fl-2016. Din is-sena se jieħdu sehem 106 pajjiż.
Fl-edizzjoni tas-sena l-oħra, tmien start-ups Maltin gawdew minn €25,000 biex iwettqu l-ideat tagħhom.
Wieħed jista’ jsegwi l-Climathon nhar is-27 u 28 ta’ Ottubru fuq il-mezzi soċjali hawn.