24 sena mill-mewt ta’ Vitorin Galea

Kien bħal-lum 24 sena ilu, nhar is-17 ta’ Marzu 1996 li ħallietna l-attriċi ferm maħbuba Vitorin Galea. Kienet ħallietna fl-età ta’ 70 sena.

Vitorin kienet twieldet l-Isla nhar il-31 ta’ Diċembru 1926. Kellha karriera twila fuq il-palk, televiżjoni u radju li damet għaddejja għal madwar 56 sena. L-ewwel parti serja tagħa kienet f’operetta fl-1942 u snin wara ħadmet ukoll f’Il-Gaġġa, l-ewwel film Malti li kien inħadem fl-1972. Ħadmet f’bosta produzzjonijiet teatrali fosthom Menz u Boulevard li ttellgħu fit-Teatru Manoel.

Bla dubju li wieħed mill-karattri li baqgħet assoċjata miegħu kien dak ta’ Karmena Abdilla. Vitorin ħadmet ukoll f’bosta produzzjonijiet televiżivi u fost l-aħħar li kienet ħadmet qabel ħallietna kienet is-sensiela Fredu l-Fra.

Vitorin kienet miżżewwġa lil Giuseppe, u kellhom tifla waħda, Norma Cristina, li hija wkoll attriċi.

Norma Cristina maġenb il-monument ta’ ommha Vitorin fi Ġnien il-Gardjola fl-Isla

Jgħaddu kemm jgħaddu snin, isem Vitorin Galea jibqa’ mnaqqax fl-istorja bħala waħda mill-pilastri fil-qasam tat-teatru f’pajjiżna.