24 persuna oħra jgħerqu fil-Mediterran

Minn 6 tela’ għal 24, l-għadd tal-vittmi tan-nawfraġju tal-lejl li għadda fil-Kanal ta’ Sqallija, meta nqalbet dgħajsa mimlija bl-immigranti. 
Il-katavri ttellgħu mill-baħar mill-bastimenti tal-Marina Taljana, li qattgħet ġurnata tipprova tfittex in-nies li setgħu għerqu. 
B’kollox salvaw mill-mewt 364 persuna u se jiddaħħlu fil-Port ta’ Augusta.  Dan hu t-tielet nawfraġju ta’ immigranti f’temp ta’ ftit aktar minn 48 siegħa.  
L-ewwel wieħed ġara nhar is-Sibt li għadda barra l-kosta Libjana u għerqu 200 persuna.  It-tieni nawfraġju seħħ fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd meta mietu 18-il persuna.  L-aħħar traġedja saret matul il-lejl li għadda.