24 operatur ieħor għall-iskema tat-trasport għall-iskola – il-Gvern

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li żdiedu 24-il operatur li huma interessati jissieħbu fl-iskema għat-trasport tal-iskola għat-tfal.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li l-ftehim inizjali ntlaħaq ma’ 18-il operatur tat-trasport. Żied jgħid li 24-il operatur ġdid ieħor wera l-interess biex jidħol f’din l-iskema. Il-lista ta’ operaturi approvati tinsab hawn. Il-Ministeru għadu qed jaċċetta applikazzjonijiet minn operaturit tat-trasport oħrajn li huma interessati jidħlu fl-iskema.

Il-Unjin tal-Edukatori Professjonali – Voice of the Workers (UPE) qalet li hemm bżonn djalogu bejn l-imsieħba soċjali u l-uffiċċjali biex jiddjalogaw biex jintlaħaq ċertu qbil u biex tiżdied il-fiduċja fil-proċess dwar it-trasport b’xejn għall-iskejjel tal-Knisja u dawk privati.

Fi stqarrija, l-UPE qalet li t-trasport b’xejn kien pass fid-direzzjoni t-tajba. Qalet li għandu jonqos it-traffiku filgħodu u jittaffa l-piż finanzjarju fuq il-ġenituri.